Il-Qaddej
ta' Alla Dun Guzeppi De Piro (1877 - 1933)
Kapitlu III
L-Iskop
Ewlieni: Ħidma fost popli mhux evanġelizzati
Il-missjonarjetà
ta’ pajjiżna
Fl-1927 ċertu Parti Anġelo
Mizzi, missjunarju Kapuċċin fl-Abbissinja, ippublika ktejjeb bl-isem ta’
Malta Missjunarja. F’dan il-ktieb ċkejken Mizzi ppreżenta lil
Malta bħala pajjiż nisrani li kien igħix verament ir-responsabbiltà
missjunarja tiegħu. Għaxar snin wara li ħareg dan il-ktejjeb
l-istess Parti Anġ kiteb xogħol ferm itwal, magħmul minn żewġ volumi,
L’Apostolato Maltese nei Secoli Passati. F’parti minn
dan it-tieni xogħol tiegħu dan il-Kapuċċin spjega għaliex
fil-ktejjeb tiegħu hu kien irrefera għal Malta bħala missjunarja:
“Fil-qalb tal-Maltin dejjem hemm post għal dawk il-bnedmin oħra li
jgħixu ’l bogħod u qed ibatu b’xi mod jew ieħor.” Mizzi pprova
dan billi għamel analisi tal-attività missjunarja li titwettaq
mill-Maltin, (1) kemm hawn Malta stess, kif ukoll (2) ’il bogħod minn
pajjiżna.
(1) Il-ħidma missjunarja f’pajjiżna
F’din l-ewwel parti
Patri Mizzi pprova jpoġġi waħda wara l-oħra l-attivitajiet diversi li
kienu jwettqu l-lajċi Maltin biex bihom igħinu lill-missjonijiet.
Fl-ewwel post Patri Anġ
semma l-fatt li l-Maltin kienu dejjem ġenerużi ħafna f’ li jibagħtu
l-flus fil-pajjiżi missjunarji. Huwa qal li meta analizza l-Annali
ta’ Propaganda Fidei hu sab li, “Fir-rapport li joħrog ta’ kull sena
aħna ninnutaw il-post prominenti li tgawdi Malta fl-għoti ta’ karità.
U meta wieħed jikkunsidra l-kobor tal-popolazzjoni wieħed jirrealizza li
allura Malta qegħda aktar u aktar fuq quddiem. Meta wieħed
jikkunsidra l-perċentwali wieħed malajr jikkonkludi li Malta tiġi
l-ewwel għall-ġenerożità tagħha.”
Meta l-għajnuna finanzjarja
ma kinitx dejjem possibli li tkun provduta mill-Maltin, allura n-nisa
b’mod speċjali, kienu jħejju lbiesi għan-nies foqra tal-pajjiżi
missjunarji. Dawn in-nisa kienu jħejju wkoll l-abiti sagri
għall-knejjes ta’ l-istess pajjiżi fqar.
Patri Anġ semma wkoll
il-kitba ta’ artikli missjunarji. Il-magħruf Alfons Maria Galea
kien konoxxut ħafna għal inizjattiva bħal din. Fl-1894 hu kien
beda jippublika l-Annali li ġa ssemmew. Mizzi semma wkoll li “Kważi
kull publikazzjoni kienet lesta li tippublika u xxandar b’ġenerożità
kbira l-aħbarijiet u l-appelli b’risq il-missjonijiet ta’ barra.
Hu rari ħafna li ssib perjodiċi li ma jikkoperawx b’dan il-mod.”
Fl-aħħarnett Patri Anġ semma
t-talb li kien isir kontinwament għall-bżonnijiet tal-missjonijiet.
(2) Il-Maltin li kienu jaħdmu fl-artijiet tal-missjoni.
F’parti oħra Mizzi semma
l-missjunarji Maltin li kienu jaħdmu f’pajjiżi barranin. Fil-waqt
li hu kompla jispjega x’ried igħid meta sejjaħ lil Malta bħala
missjunarja, huwa kien espliċitu ħafna: “Malta missjunarja, għal dak
li hu n-numru tal-missjunarji tagħha, jistħoqqilha post prominenti
fl-Annali ta’ Propaganda Fidei.”
Imma Parti Anġ ma kienx
kuntent b’dan biss. Fit-tieni volum ta’ L’Apostolato Maltese
Nei Secoli Passati hu għamel riferiment għal artiklu li kien kiteb
l-Onorevoli Egilberto Martire fl-Illustazione Italiana, ta’ Ottubru
1934. Martire wara li qabbel in-numru ta’ missjunarji mill-Olanda,
mill-Belgju u mill-Italja, mal-popolazzjonijiet ta’ dawn l-istess
pajjiżi qal hekk għal Malta u l-missjunarji tagħha: “Imma hemm
nazzjon ċkejken, Malta, li jokkupa t-tieni post wara l-Olanda: 228
fidili u 162 missjunarji. U Malta m’ għandhiex kolonji.”
Mizzi kompla fuq Martire u qal li “In-numru tal-missjunarji Maltin hu
ferm ikbar milli qal Martire… Fl-aħħar numru ta’ l-Annali ta’ Propaganda
Fidei ta’ Ottubru 1934 aħna wrejna li l-missjunarji kuraġġużi Maltin
kienu ċertament 255 jiġifieri 93 aktar minn kemm semma l-Onorevoli
Martire.”
Kienet din l-istampa sħiħa ta’
Malta u l-Maltin rigward il-missjoni?
Ħadd ma jista’ jinnega
l-asserzjonijiet ta’ Patri Anġ. Ghalkemm dan il-Kapuċċin kellu
t-tendenza li jinġarr mill-entużjażmu fejn tidħol il-missjoni, hu bbaża
kliemu fuq il-fatti. Fl-istess ħin Mons FX Bonnici, pijunier ieħor
li ħadem ħafna għall-missjoni, kien jaħsibha mod ieħor fuq is-saċerdoti
Maltin.
Ġa ngħad li Dun Ġużepp De
Piro kellu ħafna kuntatt ma’ dan Bonniċi u preċiżament minħabba f’hekk
kien qasam miegħu l-ħsieb dwar it-twaqqif tas-Soċjetà. Bonniċi ma
tantx inkoraġġieh.
Hu diffiċli tgħid min kien
korrett, jekk hux Mizzi jew Bonniċi. Forsi kienu t-tnejn.
Jekk Mizzi kellu raġun jippreżenta l-ħeġġa tal-Maltin għall-missjoni,
Bonniċi kellu wkoll raġun meta tkellem mis-saċerdoti Maltin bħala
marbutin wisq ma’ art twelidhom. Meta wieħed kien jikkunsidra
n-numru kbir ta’ saċerdoti reliġjużi u djoċesani u reliġjużi rġiel u
nisa, wieħed ma kienx jista’ jgħid għajr li kien għad hemm ħafna xi
jsir.
Din kienet is-sitwazzjoni li
fiha Dun Ġużepp De Piro beda jaħdem biex iwaqqaf is-Soċjeta ta’ San
Pawl.
Soċjetà għall-missjonijiet ad gentes
Il-konnessjoni bejn l-ewwel
u t-tieni skop tas-Socjetà kienet ċara għal De Piro: meta l-membri
tas-Socjetà jidraw l-ewwel iħallu pajjiżhom biex jaħdmu fost
l-emigranti, imbagħad ma jsibuhiex diffiċli biex imorru f’pajjiżi oħra u
hemm iwettqu l-ħidma ad gentes; l-emigranti Maltin, jew it-tieni
ħidma tas-Socjetà, kellhom iwasslu lill-membri għand “l-infidili”,
l-iskop ewlieni. Il-Fundatur tant kien konvint minn dan il-proċess
li hu baqa’ jsemmih kontinwament. Anke wara li fil-fatt waqqaf
is-Soċjetà fit-30 ta’ Ġunju 1910, De Piro kien isemmi l-missjonijiet
f’pajjiżi li kien għadhom mhux evanġelizzati u l-ħidma fost l-emigranti
Maltin. Imma l-fatt innifsu li hu kien jippreżenta kontinwament
l-iskop tas-Socjetà bħala magħmul minn żewġ ħidmiet differenti ħoloq
għal De Piro ħafna problemi speċjalment ma’ l-Awtoritajiet Vatikani.
Huma ma setgħux jifhmu eżattament x’ried De Piro mis-Socjetà tiegħu:
jekk hux kongregazzjoni għall-missjonijiet
ad gentes jew inkella għall-emigranti Maltin. Dan l-istess
intopp wassal lill-Qaddej ta’ Alla biex juri b’mod dejjem aktar ċar
il-fehma tiegħu. Hekk kiteb lil La Fontaine fit-30 ta’ Ġunju 1916:
“Meta jien għedt ‘qabel kulħadd’, bl-ebda mod ma ridt nagħmel dik
l-esklużjoni li fehmet is-Sagra Kongregazzjoni
(tal-Evanġelizzazzjoni). J’Alla jseħħ li dan l-Istitut ċkejken
ta’ Malta jkollu l-gieħ li jibgħat missjunarji qalb l-infidili, u
fid-dinja kollha kemm hi! Imma, kif l-Eċċellenza tiegħek tifhem
tajjeb, min-naħa tagħna nkunu qed nagħmluha ta’ prużuntużi żżejjed jekk
biss nixxennqu għal dan. Barra minn hekk jien xtaqt li t-titlu ta’
l-Ordinazzjoni jkun dak tal-missjoni (dan kien iż-żmien meta Ġwanni
Vella kien beda joqrob biex jiġi ordnat suddjaknu u mbagħad bħala
l-ewwel saċerdot tas-Soċjetà)
sabiex, fil-moħħ u l-qalb tal-membri żgħażagħ jien nonqox dejjem iżjed
l-idea missjunarja. Inti, li taf xi ħaga fuq Malta, tifhem tajjeb
kemm il-Malti hu marbut ma’ art twelidu. Inti tifhem ukoll li
l-idea tal-missjonijiet barranin, billi ma ssibx fejn taqbad, ikollha
bżonn titrawwem”.
La Fontaine rrispondieh
kważi xahar wara. Tah diversi pariri siewja. De Piro ta każ
ta’ dawn il-pariri fosthom li jikteb lill-Papa direttament.
Fil-fatt il-Fundatur kiteb lil Benedittu XV fit-22 ta’ Awissu ta’
l-istess sena. Fost l-oħrajn De Piro qallu hekk lill-Papa: “…hu
(De Piro) jissogra josserva, li meta jgħid ‘l-ewwel għall-Maltin’, hu
ma jifhimx li jeskludi lil ħaddieħor, u għalkemm il-ħidma fost
l-infidili hija ħidma mixtieqa mill-Istitut, fl-istess ħin iħoss li jekk
isemmiha jkun qiegħed jażżarda wisq.”
Din l-istess ittra ta’ De
Piro lil Benedettu XV kienet rakkomandata mill-Arċisqof
Mawru Caruana. L-Eċċellenza Tiegħu ukoll wera li hu kien qiegħed
jifhem li s-Soċjetà ta’ De Piro ma kellhiex il-ħsieb li teskludi
l-pajjiżi ad gentes: “Waqt li naf bil-fatti il-ġid li qegħda tagħmel
bħalissa l-Kumpanija ta’ San Pawl imwaqqfa sitt snin ilu fid-Djoċesi
tiegħi u li tagħha l-fundatur u r-rettur preżenti hu Mons Dun Ġużepp De
Piro, is-segretarju tiegħi, u għax ma niddubitax li fil-futur hi zġur
għad tagħmel ħafna ġid fost il-Maltin imbegħda minn pajjiżhom u wkoll
fost fidili oħra fejn għad tibgħathom is-Santa Sede …”
Kważi erba’ snin wara,
f’April 1920, De Piro nnifsu mar Ruma ħalli jiltaqa’ personalment
mal-Kardinal Van Rossum, il-Prefett tal-Kongregazzjoni Propaganda Fidei,
u jitkellem miegħu direttament dwar l-għan ewlieni tas-Socjetà.
Il-Fundatur ħassu li kien ippreżenta ħsiebu b’mod ċar. Fil-fatt,
iżda, deher li kien baqa’ l-inċertezzi fil-moħħ tal-Ġerarkija Rumana.
Tant hu hekk li fit-18 ta’ Awissu ta’ l-istess sena l-Qaddej ta’ Alla
kiteb hekk lis-Segretarju ta’ Propaganda Fidei: “Forsi, meta kont Ruma,
jien ma fissirtx lili nnifsi tajjeb, jew forsi ma fhimtx tajjeb il-ħsieb
ta’ dik is-Sagra Kongregazzjoni… Jien kont fissirt li, billi
jibdew mill-għajnuna spiritwali tal-Maltin barra minn arthom, ma kinux
ser jeskludu l-konverżjonijiet ta’ l-infidili. Bidu bħal dan
jista’ jgħin biex il-Maltin jinġibdu iżjed lejn dan l-Istitut li qiegħed
jitwieled, u b’hekk ikollu saħħa akbar biex jintefa’ fuq ħidma f’pajjiżi
infidili, meta jkun qawwi biżżejjed”.
Fra Ġużepp Franġisku Caruana fl-Abbissinja
Imma l-aktar mod li bih
il-Fundatur ta prova ta’ kemm is-Soċjetà riedha li tkun primarjament
ad gentes kien meta gie biex jibgħat l-ewwel membru barra minn
Malta: fil-21 ta’ Ġunju 1927 il-Qaddej ta’ Alla, bagħat lil Fra Ġużepp
Franġisku Caruana fil-missjoni ta’ l-Abbissinja. Il-Providenza
laqqgħet lill-Fundatur ma’ Patri Anġ Mizzi, il-Kapuċċin li ġa ssemma
f’dan il-ktejjeb. Dan Mizzi, fis-snin għoxrin u tletin tas-seklu
l-ieħor, kien qiegħed jagħmel ħiltu kollha biex jiġbed kemm jiflaħ
Maltin lejn l-Abbissinja biex bihom jibda missjoni Maltija f’dak
il-pajjiż. Patri Anġ kiteb lil De Piro eżattament għax kien jaf “
…bl-iskop missjunarju ta’ l-opra…” tal-Qaddej ta’ Alla.
Il-Fundatur irrisponda lil Mizzi fil-5 ta’ April 1927. Din l-ittra
tkompli turi l-ispirtu u l-ħeġġa missjunarji ta’ De Piro: “ Irċevejt
l-ittra tiegħek tal-4 ta’ Marzu 1927 u apprezzajtha ħafna. Kif
inti tlabt minn għandi jien irrid inkun ġeneruż miegħek. Nittama
li nkun nista’ nibgħatlek missjunarju wieħed. Dan il-wieħed, jekk
ikollu l-barka tal-Mulej fuqu, ma jonqosx li jiġbed oħrajn għal warajh.
Int, min-naħa tiegħek qanqal lit-tfal ċkejknin tas-Somalja biex
jitolbu. Irreġistra t-talb tagħhom fuq din il-formula li qiegħed
nibgħatlek u agħmilli l-pjaċir li tibgħathieli lura. B’esperjenza
personali ngħidlek li minn mindu qanqalt lit –tfal ċkejknin li huma
milqugħin fl-istituti ta’ benefiċenza, iċ-ċkejkna opra missjunarja
ssaħħet iżjed.
Ma nitlob xejn bħala ħlas
għall-ħidma tal-persuna li sejjer nibgħatlek. J’Alla l-Mulej
ibierek l-opra tagħna. Imma ma nistax nagħmel l-istess offerta
għall-vjaġġ, għaliex l-opra tagħna għadha kemm twieldet. Li kieku
din l-opra tiegħi m’ għadhiex daqshekk ċkejkna, kont inkun jien innifsi
li nsieħeb lil dan l-ewwel wieħed li sejjer jitlaq. Il-miġja
tiegħi fis-Somaliland kien ikollha mnejn tiswa biex timla oħrajn
bil-kuraġġ.”
Il-proċess li xtaq isegwi
Mons De Piro biex jevanġelizza barra minn xtutna, permezz
tal-Kongregazzjoni tiegħu, kien għalih ċar hafna. Huwa ried li
l-membri jibdew bil-ħidma fost l-emigranti Maltin, pastorali aktar faċli
minn dik imwettqa f’pajjiżi ad gentes. Meta s-Socjetà tissaħħaħ
allura tkun tista’ tasal anke f’artijiet li għandhom qatt ma jkun wasal
il-Vanġelu.
“San Paul : Almanacc ta l’Istitut tal Missioni”
Id-dedikazzjoni, il-ħeġġa,
l-inizjattiva, l-imħabba u l-ġenerożità tal-Qaddej ta’ Alla
għall-missjoni ma kinux iħalluh jikkuntenta biss bit-twaqqif u t-tkabbir
tas-Socjetà missjunarja tiegħu. Fl-1922, biex ikun jista’ jdakkar
kemm jiflaħ nies bl-ispirtu missjunarju, De Piro beda joħrog lil
San Paul : Almanacc ta l’Istitut tal Missioni, annwarju li hu
baqa’ jippubblikah sa ma miet. F’dawn il-paġni De Piro kien
jippubblika siltiet minn diskorsi jew enċikliki tal-Papiet dwar
il-missjoni. Ġieli ppreżenta xi mudell ta’ kuraġġ billi kiteb
fil-qosor il-ħajja ta’ xi missjunarju Malti jew barrani. U kien
hemm meta għamel xi eżortazzjoni liż-żgħażagħ, lill-ġenituri,
lill-benefatturi u lill-qarrejja dwar il-vokazzjoni missjunarja jew
l-għajnuna materjali li dawn kienu jistgħu joffru għall-ħidma
missjunarja tal-Knisja.
“Il-Laboratorju Missjunarju”
Mons De Piro ma kienx waħdu
wara l-missjoni li Fra Ġużepp kien qed iwettaq fl-Abbissinja.
Miegħu ingħaqdet ommu. Din ipproponiet li jitwaqqaf il-Mużew
tas-Somalja. Min-naħa tiegħu il-Qaddej ta’ Alla jidher li
kiteb lil Mizzi dwar “Laboratorju Missjunarju”. Dan
il-proġett kellu bħala presidenta lis-Sinjura Ursola, omm il-Fundatur, u
magħha kellha xi nisa oħra. Bdew jissejħu “Dami tal-Laboratorju
tas-Somalja”. Bdew jiltaqgħu fl-Istitut ta’ San Ġużepp, imma meta
nfetħet id-Dar ta’ Sant’Agata l-laqgħat tagħhom bdew jagħmluhom hemm u
bdew isejħu l-organizzazzjoni “Laboratorju Sant’Agata”.
Għall-ewwel ma kinux jiltaqgħu regolarment imma wara ftit għażlu
t-tielet Tnejn tax-xahar bħala l-ġurnata tal-laqgħa taghħom.
Xogħolhom kien li jħejju l-ħafna bżonnijiet materjali li kienu jintalbu
mill-Abbissinja u jibagħtuhom ġo kaxxi kbar lill-missjunarji.
Konklużjoni:
Xi elementi ta’ l-ispiritwalità li kienet
tanima din l-attività missjunarja
Dejjem pront biex isegwi lill-Mulej kulfejn isejjaħlu
Ġa għedna li meta fl-1905
il-Qaddej ta’ Alla, fid-Djarju tiegħu, kien qiegħed jippreżenta n-natura
tas-Socjetà li kien qiegħed iwaqqaf, hu niżżel bi kliem ċar li l-membri
kellhom ikunu pronti biex imorru kulfejn kien jindikalhom b’mod jew
ieħor il-Mulej: “Il-Kelma tal-qaddis tagħna għandha tkun’Nimxi warajk
kulfejn tmur’.” Daqs erba’ snin wara hu ħejja l-ewwel formula
ta’ professjoni li kellhom jagħmlu l-membri futuri tal-Istitut tiegħu.
Fost l-oħrajn hu niżżel li l-membru kellu jistqarr li, “L-għan
tas-Socjetà hu li tifforma missjunarji u tibgħathom kulfejn ikun meħtieg.”
Imma mill-paġni li għaddew wieħed ġa jista’ jara b’mod l-aktar ċar li
l-Fundatur din il-verità kien igħixha hu nnifsu qabel kien jistenniha
mill-membri tal-Kongregazzjoni tiegħu. Anke jekk nieħdu ż-żewġ
għanijiet prinċipali tas-Soċjetà nistgħu naraw tajjeb kemm hu kien
doċli, flessibli għall-Ispirtu ta’Alla: oriġinarjament kellu f’moħħu
l-ħidma f’pajjiżi li kien għadhom mhux evanġelizzati, imma meta
ċ-ċirkustanzi wrewh li kellu jagħti daqqa t’id lill-emigranti Maltin lil
dawn daħħalhom sewwa fil-proġett tiegħu.
X’kien hemm li mmotivah biex ikun daqshekk dispost u pront biex imur
kulfejn kien jitolbu l-Mulej b’mod jew ieħor?
(1) L-għoti tal-kariżma missjunarja lill-Knisja fil-persuna
ta’ De Piro
Fl-14 ta’ Novembru 1921
l-Arċisqof Mawru Caruana waqqaf kanonikament is-Soċjetà ta’ San Pawl
bid-Digriet tiegħu Auctoritate Nostra Ordinaria. L-istess
Arċisqof approva l-ewwel żewġ partijiet tal-Kostituzzjonijiet oriġinali
fit-18 ta’ Marzu 1924, waqt li t-tielet u l-aħħar parti approvaha fil-5
ta’ Ottubru ta’ l-istess sena. Fit-tliet digrieti li ħareġ biex ta
dawn l-approvazzjonijiet, l-Eċċellenza Tiegħu kull darba rrefera għal
Mons De Piro bħala dak li waqqaf is-Soċjetà ta’ San Pawl. Il-fatt
li kien il-Fundatur, ifisser li l-Qaddej ta’ Alla rċieva minn għand
il-Mulej il-kariżma biex jista’ jara u jinterpreta b’mod uniku l-qagħda
tal-Knisja ta’ żmienu, Knisja li kellha tinfirex aktar fid-dinja ħalli
tħabbar lil aktar bnedmin l-imħabba ta’ Alla.
(2) Il-Kariżma missjunarja fit-twemmin ta’ De Piro
.Jidher
li l-qalba ta’ l-ambjent għat-tkabbir ta’ l-ispirtu missjunarju f’De
Piro kienet l-esperjenza ta’ l-imħabba ta’ Alla għalih.
Meta bħala żagħżugħ kien qiegħed itella’ u jniżżel dwar il-vokazzjoni
tiegħu, hu kiteb tnax-il raġuni għax kellu jingħata lil Alla
fis-saċerdozju. Waħda minnhom kienet li, “Alla bata bosta
għad-dnubiet tiegħi”. Iż-żmien għadda imma l-esperjenza ta’
mħabbet Alla għalih baqgħet ħajja fih. Fl-1924 kiteb hekk
fl-Almanakk li kien jippublika kull sena: “…Ġesu li xerred id-demm …
tiegħu u saħansitra ħalla ħajtu fuq is-salib għall-imħabba ta’ l-ulied
tiegħu”. Fil-priedki ta’ spiss kien isemmi l-imħabba ta’ Alla
għall-bniedem … u dan midneb.
Din l-imħabba ta’ Alla għal
De Piro kabbret il-fidi u t-tama tiegħu f’Alla. Fil-bidu
tas-1898, Alessandro, missieru, miet waqt li kien qiegħed ma’ martu għal
btala fl-Italja. Kellu biss 49 sena. Ħalla warajh lil martu
armla u disa’ wliedu orfni. Qrib it-tmiem ta’ dik l-istess sena, u
propju tliet xhur wara li kien wasal Ruma biex jibda l-Filosofija,
Ġużeppi kiteb lil ommu dwar id-diżgrazzja li kienet messithom dik
is-sena bħala familja: “Skond kif niġġudikaw aħna, is-sena li
għaddiet kienet għalina waħda ta’ xorti ħażina. Ngħid li skond kif
narawha aħna, għaliex Alla ma jagħmel xejn li ma jkunx perfett, u
l-għemejjel tiegħu ma jistgħux ma jkunux tajbin ħafna. F’dik
l-okkażjoni kellna faraġ tant kbir b’mod li ngħid, bla biża li niżbalja,
li l-konsolazzjoni li ġarrabna kienet akbar min-niket ta’ l-isfortuna”.
Sa minn meta kien għadu seminarista Ruma huwa kien wera lill-Isqof
Pace li wara li jqaddes hu kien jixtieq li jirrintorna Malta u jgħix
fl-Istitut ta’ San Ġużepp, għax kien jiġi x’igħidlu li minn dak
l-Istitut kellha tinbeda Socjetà taħt il-patroċinju ta’ San Pawl.
Dan kollu kellu jissagrifikah għax inħakem mill-mard u flok ma rritorna
Malta kellu jmur għal tmintax-il xahar f’Davos, l-Isvizzera. Anke
hemmhekk Dun Ġużepp għex il-fidi u t-tama tiegħu fil-Mulej. Ma
seta’ jagħmel xejn dwar is-Soċjetà, imma jitlob seta’. U dan
għamlu bis-sħiħ.
L-imħabba ta’ Alla għal De
Piro ġġenerat ukoll l-imħabba tiegħu għall-Mulej. F’waħda
mill-priedki tiegħu hu joħrog talba sabiħa lil Alla. Fost l-oħrajn
igħidlu hekk: “Agħmel li t-talba tagħna tkun bħal innu ta’ gratitudni
għal tant benefiċċji li aħna rċevejna”. Fl-Almanakk tal-1924
jiktbilhom hekk lill-qarrejja: “Teżor fuq it-teżori mbagħad hi
l-karità, is-sultana tal-virtujiet, il-milja tal-perfezzjoni, Alla
nnifsu … L-ewwel u l-aqwa dmir tal-bniedem hu li jħobb lil Alla Sidna
l-ewwel u fuq kollox, għaliex li aħna u li għandna nafuh lilu waħdu, u
ġejna maħluqin sewwa sew biex inħobbu lilu”.
Imma skond il-Mulej innifsu
l-imħabba lejh ma tikkonsistix fid-diskors; li
tagħmel ir-rieda tiegħu hi l-aqwa xhieda ta’ l-imħabba tal-bniedem għal
Alla. De Piro kien għadu fl-ewwel sena ta’ studju f’Ruma.
Jidher li oħtu Tereżina bagħtitlu xi ittra fejn awguratlu suċċessi
fl-istudji tiegħu. Ġużeppi jirrispondiha f’ittra li hu bagħat lil
ommu. Lil din ta’ l-aħħar igħidilha: “Nosserva ‘l Teresina biex
ma toqgħodx tagħmilli ċerti awguri b’tant serjetà. Hemm awgurju
wieħed li jien naċċettah bil-qalb. Dan hu li jien nagħraf ir-rieda
ta’ Alla, u nagħmilha b’mod perfett. Dan għalija jkun biżżejjed”.
Fl-1933 ħeġġeġ il-qarrejja ta’ l-Almanakk billi qalilhom: “…nerfgħu
għajnejna lejn is-sema, naduraw il-ġudizzji ta’ Alla li aħna ma nifhmux…”.
Il-Qaddej ta’ Alla mhux biss
kien igħix ir-rieda tal-Mulej. Hu kien iwettaqha b’kuraġġ,
qawwa, u saħħa interna. De Piro sa minn meta kien
seminarista Ruma kien juri biċ-ċar li fiżikament ma kienx ta’ saħħa
kbira. Kellu jitlob lill-Isqof Paċe biex jippermettilu jordna
saċerdot f’nofs it-tielet sena Teoloġija. Imma d-determinazzjoni
li wera waqt it-twettiq tal-ministeri tiegħu kienet xi ħaġa fenomenali.
Altru li ried ikollu saħħa ġewwinija kbira biex fl-istess ħin, u waqt li
jaffaċċja bosta diffikultajiet, il-Qaddej ta’ Alla jmexxi sitt
istituti ta’ karità, jagħmilha ta’ segretarju tal-Arċisqof Caruana, ikun
Rettur tas-Seminarju Maġġuri, jagħti sehmu fil-ħajja politika ta’
pajjiżna, u joħlom, jippjana, u anke jagħti bidu għas-Socjetà
Missjunarja tagħna! Dwar il-qawwa li wera l-Fundatur fit-twaqqif u
t-tkabbir tas-Socjetà, Patri Alexander Bonnici OFM Conv., jikteb hekk
fl-ewwel volum tal-ħajja ta’ De Piro: “Il-ħajja tiegħu hi xhieda li Alla
nebbħu biex iwaqqaf Socjetà. Imma, meta sar ċert minn dan, l-ebda
parir kuntrarju u lanqas it-tkasbir ta’ dawk li ma fehmuhx ma kellhom
il-ħila jreġġgħuh lura jew jaqtgħulu qalbu…”.
Imma mhux biss! Meta
wieħed jistudja kitbietu wieħed jara biċ-ċar li Ġużeppi De Piro,
għalkemm bosta drabi kien ikollu jaffaċċja diffikultajiet kbar, hu kien
jagħmel dak li kien irid Alla minnu bil-kalma, fil-paċi … u waqt li
kien igawdi s-serenità u l-paċi tal-qalb. Dan kollu
enfasizzawh diversi persuni li kienu jafuh direttament.
Dan kollu l-Qaddej ta’ Alla
kien jgħixu bl-umiltà; De Piro kien konvint li kulma kien, kulma
kellu, u kulma kien jagħmel kien kollu ġej mill-Mulej.
Il-Kostituzzjonijiet tas-Soċjetà bdihom bil-kliem ta’ Salm 126: “Jekk
il-Mulej ma jibnix id-dar għalxejn jitħabtu l-bennejja…”.
Fl-1916 kien hemm fl-Awstralja ċertu Fr William Bonett. Dan kiteb
lil De Piro u talbu jara kienx hemm xi saċerdoti Maltin imħajrin li
jmorru jaħdmu f’dan il-pajjiz. Fost l-oħrajn il-Fundatur
irrispondieh hekk lil Bonett: “Fil-quddiesa tiegħek tinsiex tiftakar
ftit f’dan l-Isititut tagħna li qiegħed jitwieled … Għalhekk
għinna bit-talb tiegħek …”. Fil-21 ta’ Frar 1933 il-Qaddej ta’
Alla, li kien rappresentant tal-kleru fis-Senat, għamel l-uniku
intervent tiegħu quddiem id-deputati. Dan kien dwar il-moralità
publika. Wara ta r-rapport tiegħu lil sħabu l-Monsinjuri.
Lil dawn ta’ l-aħħar qalilhom hekk fost l-oħrajn, “…jien ngħidilkom
li f’dik il-lejla ħassejt tassew li Alla kien qiegħed jagħtini
l-għajnuna tiegħu”.
Propju minħabba f’hekk De
Piro kien mimli entużjażmu biex jagħmel lill-Mulej magħruf minn
ħaddieħor. Kien kontinwament iħeġġeġ lill-membri tas-Socjetà
biex, “Nagħtu lill-oħrajn dak li San Pawl ta lilna”.
Fil-fatt hu kien jinqeda b’kull mezz biex ixandar l-aħbar it-tajba;
kitba, priedki … u ovvjament bit-twaqqif u t-tkabbir tas-Socjetà
Missjunarja tiegħu. “Fl-aħħar ta’ ħajjitna jkun ta’
sodisfazzjon … għalina li nkunu nistgħu ngħidu,’Jien ħdimt mhux biss
biex insalva ruħi, iżda wkoll biex ngħarraf lil ħaddieħor lil Sidna
Ġesu’ Kristu’”, kiteb fl-Almanakk tal-1932. Sena wara kiteb
kliem daqshekk ieħor qawwi: “Biex inkunu nafu jekk f’qalbna hix
tgħammar l-imħabba ta’ Alla, ma għandniex nagħmlu ħaga oħra ħlief nidħlu
daħla fina nfusna u naraw jekk għandniex ix-xewqa li l-isem tiegħu jiġi
magħruf ma’ kullimkien”.
Mur lura
ghall-Bijografija |