Il-Qaddej
ta' Alla Dun Guzeppi De Piro (1877 - 1933)
Daħla
Il-Qaddej ta’ Alla, Ġużeppi
De Piro wettaq diversi servizzi fil-Knisja u f’pajjiżna imma żgur li
l-ħidma ewlenija tiegħu kienet dik favur il-ħidma missjunarja
tal-Knisja. Huwa li twieled fit-2 ta’ Novembru 1877, minn waħda
mill-familji l-aktar nobbli ta’ Malta, għad-dell tal-Katidral
tal-Imdina, ma baqax magħluq wara s-swar għoljin u ħoxnin ta’ dik
il-Belt. Lanqas ma kien kuntent li jiġġerra ma’ pajjizna jagħti
s-servizz tiegħu kullfejn kien meħtieġ. Is-sejħa li għamillu
l-Missier hu semagħha u għexha bis-sħiħ: hu merah bi ħsiebu, ippjana,
ipproġetta u anke poġġa fil-konkret ħidma sħiħa b’risq it-tixrid
tal-fidi anke ’l bogħod minn xtutna. Saħansitra ried li jmur hu
nnifsu għal żmien fil-missjoni; kienet il-mewt li ħaditu minn fostna
ħesrem fis-17 ta’ Settembru 1933 li waqqfitu milli jagħmel dan.
Kapitlu I
Minn student
tal-Liġi għal seminarista
Fl-Università
ta’ Malta
Jekk in-nobbli kienu jqisuha
ħaġa dispreġjattiva li jimpenjaw lilhom infushom fid-dinja tax-xogħol
jidher li kienu jqisuha daqshekk ieħor diżonorevoli li lil uliedhom
jagħtuhom xi għamla ta’ formazzjoni akkademika. Il-każ tal-familja
De Piro kien differenti. Fil-fatt wara li Ġużeppi, li kien
is-seba’ tifel, ħa l-edukazzjoni primarja tiegħu fid-dar tal-familja,
fl-1888 hu mar il-Liceo, fil-Belt Valletta. Għaddew il-ħames snin
ta’ skola sekondarja u ż-żagħżugħ għamel l-eżami tal-Matrikola biex
seta’ jidħol l-Università u jibda kors ta’ tliet snin fl-Arti u
x-Xjenza. Fl-1897 Ġużeppi ġie aċċettat bħala student regolari
fil-kors tal-Liġi. Kien hemm il-ħsieb li dak l-istudju
jwasslu biex jilħaq avukat. Imma fil-fatt Ġużeppi ma għamilx ħlief sena
skolastika waħda f’dak il-kors.
Fiż-żmien ta’ l-Università,
u speċjalment bejn l-1897 u 1898, Ġużeppi jidher li kien qiegħed jieħu
bis-serjetà l-għażla ta’ l-istat tiegħu. Skond ma kiteb hu stess, hu
kien ħass ix-xewqa għas-saċerdozju sa minn meta kien għadu ċkejken u
baqa’ jħossha sa ma kellu xi erbatax –il sena. Missieru kien li
ħajru jinsiha u jaħseb fi stat ieħor. Minkejja li t-tentattivi ta’
missieru wasslu lil Ġużeppi biex għal xi snin iwarrab minn moħħu
s-saċerdozju, ġie żmien meta hu rega’ beda jħammem fuq il-vokazzjoni
tiegħu. Bħalma għamel f’okkażżjonijiet oħra meta kien ikollu
quddiemu xi għażla kbira, huwa qabad biċċa karta u fuqha niżżel
ir-raġunijiet favur u kontra li jħalli kollox u jaqbad it-triq
tas-saċerdozju . Ta’ min iġib hawnhekk dawn ir-raġunijiet
kollha, u kif niżżilhom Ġużeppi nnifsu:
Raġunijiet favur:
1.
Il-fatt li ħassejt din il-vokazzjoni minn meta kont tifel sa meta kważi
kelli erbatax-il sena.
2. Il-fatt li
din il-vokazzjoni ma warrbitx minn quddiemi ħlief għal żmien qasir.
3. Il-fatt li
erġajt ħassejtha qawwija fija fil-bidu tas-sajf li għadda, meta ftaħt
qalbi dwarha mal-konfessur tiegħi.
4.
Il-meditazzjoni fuq il-mewt: inħoss li dan hu l-veru stat li għalih jien
ġejt imsejjaħ.
5. Ix-xewqa li
ningħata kollni kemm jien ’l Alla wara li hu tant bata għalija, jien li
jien midneb.
6. Ix-xewqa li
nimxi fit-triq tal-perfezzjoni u b’hekk ma nibzax mill-mewt, anzi
nikkunsidraha bħala l-mezz li twassalni għall-vera hena.
7. Il-fatt li
qrajt f’Sant’Alfons De Liguori li hu ħareġ mid-dinja ta’ sitta u għoxrin
sena, imma ħieni hu min joħrog qabel.
8. Il-fatt li
wara riflessjoni, jiena sibt li dan hu l-istat li jaqbel l-aktar
man-natural tiegħi.
9. Il-marda ta’
ħija.
10. Il-mewt ta’ missieri.
11. Il-fatt li nħoss li meta
niftakar fil-ħafna kontroversji li magħhom iltqajt f’ħajti s’issa, jien
inħoss li għandi nkun l-aktar ferħan f’dan l-istat.
12. Fit-8 ta’ Mejju 1898.
Wara novena lill-Verġni ta’ Pompei, li fiha jien tlabtha tgħinni nagħraf
il-vera rieda ta’ Alla għalija, jien ħassejt il-qawwa li niddeċiedi
favur it-tajjeb, favur l-istat saċerdotali.
Raġunijiet
kontra
1. Il-ġibda
naturali lejn il-ħajja miżżewġa.
2. U allura
l-biża li fil-ħajja tiegħi ċelibi, fil-ġlieda bejn l-ispirtu u l-ġisem,
jirbaħ dan ta’ l-aħħar.
Fil-fatt, wara li fit-8 ta’
Mejju 1898 hu kien attenda għas-Supplika tal-Madonna ta’ Pompei, li
l-istudenti ta’ l-Università kienu jagħmlu fil-Knisja tal-Ġiżwiti,
il-Belt, Ġużeppi ħassu ċert li Alla lilu riedu saċerdot. Missieru
kien miet f’Jannar ta’ dik l-istess sena (1898). Minħabba f’hekk
iż-żagħżugħ qasam ħsibijietu ma’ ommu u wara l-ftehim meħtieġ mal-Isqof
Pietru Paċe, iż-żagħżugħ, f’dik l-istess sena, ħalla Malta għal Ruma
biex hemm jibda l-istudji tal-Filosofija u t-Teoloġija.
Fl-Università Gregorjana, Ruma
Fis-snin li Ġużeppi għamel
Ruma huwa kiteb regolarment, speċjalment lil ommu u lil ħutu.
L-istess għamlu dawn lilu. B’xorti tajba dawn l-ittri ġew
preservati sewwa kemm mill-Qaddej ta’ Alla kif ukoll minn qrabatu.
Hu propju bis-saħħa ta’ dawn il-kitbiet li llum aħna jista’ jkollna
informazzjoni dwar iż-żmien li fih Ġużeppi kien Ruma.
Jidher li Ġużeppi
min-natural tiegħu xejn ma kien bniedem ta’ nofs kedda.
Għall-kuntrarju huwa kien jipprova li dak li jkollu quddiemu
jagħmlu mill-aħjar. Kien ukoll bniedem li kapaċi jaħseb fi
proġetti kbar. Hekk meta sab lilu nnifsu seminarista fil-Kulleġġ
Capranica biex jibda l-istudji tiegħu fl-Università Gregorjana huwa
ppjana li jagħmel għaxar snin ta’ studju. Fil-fatt eżattament
qabel beda l-istudji tiegħu hu kitbilha hekk lil ommu : “Skond
kalkoli li fil-fatt ma jistgħux isiru, jekk jiena ma mmutx, aktarx li
jien nkanta l-ewwel quddiesa fi żmien erba’ snin oħra. Ma naħsibx
li ser nagħmel aktar minn sentejn Filosofija. Imbagħad, wara
sentejn Teoloġija għandhom mnejn iħalluni nkanta l-ewwel quddiesa…
Il-kors tat-Teoloġija hu ta’ erba’ snin. Hemm imbagħad dak
tal-Ligi Kanonika li hu ta’ tliet snin. Jekk qiegħed nagħmel
il-kontijiet tajjeb, sa meta jkolli tletin sena, insib sewwa x’nistudja”.
Fl-istess ħin
il-karatteristika tal-proġettazzjoni kienet magħquda bis-sħiħ
mad-determinazzjoni li jagħmel kontinwament ir-rieda ta’ Alla.
Sitt xhur wara li kien kiteb lil ommu dwar il-pjanijiet tiegħu ta’
studju, waħda minn ħutu, Tereżina, kitbitlu biex tawguralu s-suċċess
fl-istudji tiegħu. Ġużeppi kiteb lil ommu u bla tlaqliq qalilha, “Nosserva’l
Tereżina biex ma toqgħodx tagħmilli ċerti awguri b’tant serjetà.
Hemm awgurju wieħed li jien naċċetta bil-qalb. Dan hu li jien
nagħraf tajjeb ir-rieda ta’ Alla, u nagħmilha b’mod perfett. Dan
għalija jkun biżżejjed.”
Kienet propju din
id-dispożizzjoni u r-rabta tiegħu mal-volontà tal-Mulej li għenet
lill-Qaddej ta’ Alla jpoġġi fil-ġenb il-pjan tiegħu ta’ studju u jagħmel
kors ferm iqsar milli hu kien ħaseb. Il-mard tant ħabbtu li hu
seta’ jagħmel biss sena Filosofja u tliet snin Teoloġija. Wara li
spiċċa t-tieni sena Teoloġija hu talab lill-Isqof Paċe biex jagħtih
il-possibiltà li jiġi ordnat saċerdot fis-sena ta’ wara. Fil-fatt
hu rċieva l-ordinazzjoni saċerdotali, wara li hu kien għamel biss sena
Filosofija u ftit inqas minn tliet snin Teoloġija.
Ġużeppi De Piro, saċerdot …
…
Għas-servizz tal-Knisja Lokali
Ġużeppi De Piro ġie ordnat
saċerdot fil-Bażilika ta’ San Ġwann Lateran, Ruma, fil-15 ta’ Marzu
1902. Il-ħsieb u x-xewqa tiegħu issa kienu li wara li jlesti dik
is-sena skolastika fl-Università Gregorjana hu jirritorna Malta u jibda
l-ħidma pastorali tiegħu f’pajjiżna. Imma l-mard li kien laqtu
kemm –il darba matul iż-żmien ta’ studju kompla jħabbtu anke fl-aħħar
sena tiegħu f’Ruma. Minħabba f’hekk, f’Awissu 1902, hu kellu jmur
l-Isvizzera u hemmhekk għadda tmintax -il xahar ta’ mistrieħ. Wara
li l-qagħda ta’ saħħtu tjiebet xi ftit hu rritorna Malta fit-2 ta’ Marzu
1904.
Lanqas wara l-Isvizzera ma
seta’ Dun Ġużepp jingħata b’ruħu u ġismu għall-pastorali; saħħtu kienet
għadha mhix tajba għal kollox. Minħabba f’hekk hu għażel li jmur
joqgħod il-Qrendi fejn il-familja tiegħu kellha waħda mid-djar tagħha.
F’dan ir-raħal hu kompla jirkupra saħħtu. Fl-istess ħin hu ma
qagħadx jitgħażż. Għall-kuntrarju kien hawn li hu beda jagħti
l-ewwel sehem tiegħu fil-Knisja Maltija.
Fit-tliet snin li għamel
il-Qrendi (1904-1907), De Piro kien ta’ siwi għall- Kappillan ta’ dik
il-parroċċa. Huwa kien igħin fl-amministrazzjoni tas-sagramenti,
speċjalment il-Qrar. In-nies kienet tfittxu wkoll għall-pariri u
anke għall-għajnuna materjali. Jidher ukoll li kien jagħti sehmu
bil-predikazzjoni tiegħu. Iżda fil-perijodu li għamel il-Qrendi,
il-Qaddej ta’ Alla ħabrek ukoll biex isaħħah il-formazzjoni kontinwata
tas-saċerdoti tal-parroċċi tal-qrib. Kien propju għax ġie msejjaħ
mill-Arċisqof biex iwettaq ħidma oħra fid-Djoċesi li De Piro ħalla dak
ir-raħal tant għażiż għalih.
Għalkemm kontra qalbu, imma
bl-insistenza ta’ l-Arċisqof Pietru Paċe, De Piro, fl-1911,
aċċetta li jsir Monsinjur tal-Katidral ta’ Malta. Fl-1920 hu ġie anke
nominat Dekan ta’ l-istess Kapitlu Metropolitan. Fi żmien
il-Qaddej ta’ Alla, il-Monsinjuri kienu obbligati jiltaqgħu darbtejn
kuljum, fil-għodu u fil-għaxija, għall-kor, fil-Katidral. Barra
minn hekk huma kellhom rwol importanti ħafna fid-Djoċesi; kienu l-korp
konsultattiv ta’ l-Arċisqof innifsu. Apparti dan, speċjalment
bħala d-Dekan, De Piro kien jirrappreżenta lil sħabu l-Monsinjuri u
lill-kumplament tal-kleru f’ħafna organizzazzjonijiet u laqgħat
governattivi u soċjali ta’ pajjiżna.
Meta laħaq Arċisqof ta’
Malta, Mawru Caruana għażel lil Dun De Piro segretarju tiegħu.
Fit-tliet snin li għamel f’dan is-servizz (1915-1918) huwa wettaq
b’responsabbiltà d-doveri tiegħu.
L-1915 kienet waħda mis-snin
ta’ l-Ewwel Gwerra Dinjija. F’dan iż-żmien ta’ ħafna taqlib u
tensjoni, l-Arċisqof Caruana għażel grupp ta’ qassisin eżemplari biex
igħinu s-saċerdoti novelli jgħaddu bil-mod il-mod mill-ħajja
tas-Seminarju għal dik pastorali. Il-Qaddej ta’ Alla kien l-ewwel
wieħed fil-lista.
Nistgħu ngħidu li
l-formazzjoni tas-saċerdoti tal-parroċċi qrib il-Qrendi u dik
tal-qassisin żgħażagħ kellhom iħejju lil De Piro biex fl-1918 jilħaq
rettur tas-Seminarju Maġġuri fl-Imdina. Għalkemm għal sentejn
biss, il-Qaddej ta’ Alla għamel ħiltu kollha biex il-formazzjoni
tas-saċerdoti futuri tkun waħda sħiħa. F’rapport li hu għamel
għall-Arċisqof fl-aħħar tat-term tiegħu, Dun De Piro dar dawra sewwa ma’
l-aspetti kollha tal-ħajja seminaristika: talab b’insistenza t-titjib
ta’ l-ispiritwalità tal-kandidati; fela bir-reqqa s-suġġetti li kienu
jiġu mgħallma u talab li jibdew jiġu mogħtija suġġetti ġodda,
bħax-xjenzi soċjali… u nsista fuq it-titjib ta’ l-ikel u ta’ l-igiene.
Fl-1922 Dun De Piro
għamel anke xi xhur flok il-kappillan tal-Gudja meta dan is-servizz ma
nstab ħadd għalih minħabba l-inkwiet li kien inqala’ xi żmien qabel
f’dik il-Parroċċa.
Imma l-pastorali li wettaq
De Piro f’Malta ma kinitx tieqaf hawn. Fl-istess snin imsemmija
fuq, u waqt li kien qiegħed jagħti l-kontributi li ġa rreferejna
għalihom, il-Qaddej ta’ Alla kien ukoll direttur ta’ sitt istituti ta’
karità li l-Knisja kellha f’Malta u Għawdex: Fra Diegu, Ħamrun (1907-),
San Ġużepp, Santa Venera (1922-), dar għaċ-ċkejknin, Santa Venera
(1930-), Ġesu’ Nazzarenu, Żejtun (1922-), San Franġisk ta’ Paola, B’Kara
(1927-), u San Ġużepp, Għajnsielem, Għawdex (1925-). Fl-1927 De
Piro ħa f’idejh l-Oratorju ta’ B’Kara, ċentru ta’ formazzjoni kristjana
ta’ wlied il-poplu. Kienet biss il-mewt, li ġrat fis-17 ta’
Settembru 1933, li waqqfitu milli jkompli jwettaq ħidmietu f’dawn
il-postijiet.
|