Horizontal Drop Down Menus JOSEPH DE PIRO - Official Site of the Cause of Canonisation

 

 
  

Il-Qaddej ta' Alla Dun Guzeppi De Piro (1877 - 1933)


Kapitlu II  

Fundatur ta’ l-ewwel u l-uniku istitut reliġjuż missjunarju maskili f’Malta


 

Għas-servizz tal-Knisja Universali  

Ma setax ikun li bniedem li kien daqshekk dedikat għall-Knisja lokali jingħalaq u jaħseb fiha biss.  L-istess għotja tiegħu nnifsu għall-Knisja Maltija ffurmatu biex jara anke ’l bogħod minn xtutna.  Terġa’ meta kien għadu Ruma jistudja, Ġużeppi De Piro kien qiegħed jara jixxettlu fl-Italja u pajjiżi oħra Ewropej, diversi istituti missjunarji.  Ma’ dan ma nistgħux ninsew li fiż-żmien tiegħu bħala seminarista, u fl-ewwel snin tas- saċerdozju, il-Qaddej ta’ Alla kien qiegħed bla dubju jiġi nfluwenzat mill-Maġisteru tal-Knisja, speċjalment mill-Papiet, li kollha kienu jagħmlu ħilithom biex ikabbru l-ispirtu missjunarju fost l-insara.  Il-Mulej inqeda b’dan kollu biex f’De Piro jiżra, inibbet u jkabbar il-kariżma tal-fundazzjoni ta’ istitut ġdid.

 Meta wieħed jagħmel referenza għall-ewwel paġna tad-Djarju ta’ De Piro, wieħed isib li  dan is-saċerdot kien ilu jaħseb u jixxennaq li jmur joqgħod fl-Isititut ta’ San Ġużepp, f’Santa Venera “… sa mill-ewwel sena tiegħi fil-Kulleġġ (Capranica).”  Imma b’diżappunt għalih, meta hu rritorna Malta minn Ruma għall-ewwel vaganzi tiegħu tas-sajf, hu sab li Bonniċi, li miegħu kellu kuntatt Ġużeppi, kien ħalla l-Istitut.  Minfloku sab lil Dun Manwel Vassallo u lil Dun Ġorġ Buġeja.  Għalkemm is-seminarista De Piro ma kienx familjari ma’ dawn iż-żewġ qassisin hu xorta waħda mar iżurhom fl-Istitut.  Hu anke kompla l-kuntatt magħhom meta rritorna Ruma għall-istudji tiegħu. 

Il-ħsieb li jmur joqgħod San Ġużepp kien qawwi f’moħħu.  Fil-fatt waqt li kien qiegħed jattendi l-irtir tal-bidu tas-sena skolastika 1901-1902, Ġużeppi niżżel bil-miktub ir-raġunijiet favur u kontra li hu jmur igħix fid-Dar ta’ San Ġużepp.  Fid-Djarju hu qal x’kienet waħda mir-raġunijiet għaliex kellu jmur f’dak l-Istitut: “…ħsieb intern igħidli li Alla minn dan l-Istitut jista’ jrid li jibda f’Malta Kongregazzjoni ta’ saċerdoti taħt il-patroċinju ta’ San Pawl u din wara li tkun ġiet stabbilita Malta titwaqqaf anke barra.”

De Piro jgħid li hu kompla jżomm kuntatt ma’ Dun Manwel Vassallo.  Fil-fatt fit-tieni vaganzi tas-sajf, wara s-sena skolastika 1899-1900, hu reġa mar jarah fl-Isititut ta’ San Ġużepp.  Din id-darba s-seminarista Ġużeppi tkellem ma’ Vassallo dwar ix-xewqa tiegħu li jmur igħix hu wkoll fid-Dar ta’ San Ġużepp.  Interessanti dak li niżżel il-Qaddej ta’ Alla dwar din l-laqgħa: “Matul il-vaganzi tas-sajf jien qsamt ma’ Vassallo x-xewqa tiegħi li nagħmillu kumpanija fid-Dar ta’ San Ġużepp.  Hu (bħal Patri Sammut li jien kont mort nara fil-Kulleġġ Pennisi, f’Acireale), tani l-parir li l-ewwel nispiċċa l-istudji u mbagħad wieħed kellu jara.  Hawn ninnota li mingħajr ma jien kont għedtlu xejn dwar ir-raġunijiet għalfejn jien ridt immur San Ġużepp, hu żied igħidli, ‘Jista’ jkun li inti għad tkun il-kawża li f’Malta titwaqqaf il-Kongregazzjoni tas-Saċerdoti.’  Minn dak in-nhar jien ma tkellimtx aktar dwar din il-ħaġa.” 

Fl-istess ħin ġo fih innifsu De Piro ma waqafx jaħseb dwar li jmur fl-Istitut.  Fil-fatt  fiż-żewġ irtiri li għamel qabel is-suddjakonat u d-djakonat, hu ħaseb ħafna dwar id-Dar ta’ San Ġużepp.  Terġa’ fl-irtir li kien isir fil-bidu ta’ kull sena skolastika u li Ġużeppi għamel fl-1901 hu niżżel bil-miktub ir-raġunijiet favur u kontra li jmur joqgħod San Ġużepp.  Igħid ukoll li bl-għajnuna ta’ Patri Gualandi SJ hu ddeċieda li wara l-istudji hu jmur l-Istitut…dejjem s’intendi wara li jaqla’ l-permess ta’ l-Isqof.  Padre Gualandi qallu wkoll li kellu jħalli barra t-twaqqif tal-Kongregazzjoni bħala raġuni ghax hu kellu jmur San Ġużepp.  

F’dan l-istess żmien iż-żagħżugħ  Ġużeppi kellu għażla oħra x’jagħmel.  Din, għalkemm differenti minn dik ta’ San Ġużepp imma fl-istess ħin kellha ħafna konnessjoni magħha.  Il-President ta’ l-Accademia dei Nobili, f’Ruma, kien mar għand Mons Coselli, Rettur tal-Capranica, u talbu jgħid lil De Piro biex imur l-Accademia u jkompli l-istudji tiegħu hemmhekk.  Wara li Mons Coselli wera lil De Piro bix-xewqa tal-President tal-Accademia, De Piro malajr qallu li l-ħsieb tiegħu kien li wara li jispiċċa l-istudji hu jirritorna Malta.  Allura ma kienx hemm għalfejn li hu jħalli l-Capranica u jmur l-Accademia.

Fil-11 ta’ Diċembru 1901 is-Suddjaknu Ġużeppi beda l-irtir tad-djakonat.  Hawn ħa bis-serjetà l-għażla tiegħu dwar fejn kellu jmur wara li jispiċċa l-istudji tiegħu f’Ruma.  Meta qies ir-raġunijiet favur u kontra l-Accademia jew San Ġużepp hu kkonkluda li kellu jagħżel dak ta’ l-aħħar.  

Wara li ġie ordnat saċerdot u ġie Malta biex jiċċelebra l-ewwel quddiesa sollenni tiegħu, hu rritorna Ruma u mar għand il-President ta’ l-Accademia biex jagħtih biljett li kien bagħatlu l-Arċisqof ta’ Malta, Mons  Pace.  Lill-President, De Piro tennielu ċar u tond li wara l-istudji tiegħu hu kien għadu tal-fehma li jirritorna Malta u jaħdem fl-Arċidjoċesi.  Qallu wkoll li kellu jikteb lill-Arċisqof Paċe.  Fil-fatt hu kiteb lill-Eċċellenza Tiegħu u tah ir-raġunijiet għaliex ma xtaqx imur l-Accademia.  Fl-istess ħin hu ddikjara li kien pront li jobdi.  Paċe irrispondieh billi qallu li hu ma kienx ser jisfurzah għall-Accademia.   

F’Lulju 1902 il-qassis novell Ġużeppi De Piro spiċċa definittivament mill-istudji tiegħu fil-Gregoriana.  Sfortunatament dan kien iż-żmien meta reġa ħassu ma jiflaħx.  Il-kliem li kiteb f’dan iż-żmien hu ta’ min iġibu hawnhekk: “Fl-10 ta’ Lulju (1902) ħassejtni ma niflaħx u għat-tieni darba (l-ewwel darba kienet fid-19 ta’ Lulju 1900) rajt itiru mar-riħ l-intenzjonijiet tajba tiegħi kollha.  Fiat!  Il-Mulej iħares lejn ir-rieda tajba.  It-tabib iddikjara li l-marda kienet effett ta’ tuberkolosi pulmonari.  Allura jien abbandunajt l-istudji, mort Malta, u wara  ftit tlaqt lejn l-Isvizzera biex nieħu l-kura ta’ l-arja tajba.  Wara li wasalt Davos fil-festa ta’ San Duminku, 4 ta’ Awissu 1902, bl-għajnuna ta’ Alla u ta’ Ommi Marija, jien bdejt inħossni ġej għall-aħjar.”  

Daqshekk ieħor kien qawwi l-kliem li kiteb fid-Djarju mmedjatament wara: “Waqt iż-żmien tal-kura jien bqajt ngħożż l-ideat li issa kienu bdew isiru antiki.  Imma qalb is-silg ta’ l-Alpi,  ‘il bogħod mill-pajjiż fejn jien kelli l-ħsieb li npoġġihom fil-prattika, jien ma kien baqagħli xejn aktar għajr it-talb, l-aqwa kumpanija tiegħi, u tlabt, tlabt, u tlabt.”  

Dun Ġużepp irritorna Malta mill-Isvizzera fit-2 ta’ Marzu 1904.  Biex ikompli jieħu saħħtu hu mar joqgħod f’waħda mid-djar tal-familja, dik tal-Qrendi.  Fid-9 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara hu mar għall-irtir tiegħu f’San Kalċidonju, il-Furjana.  Hemm iltaqa’ ma’ Patri Ferrara SJ.  Lil dan hu staqsieh jekk kellux juri lil Dun Manwel Vassallo bil-pjan tiegħu.  Ferrara rrispondieh fl-affermattiv.  De Piro allura ltaqa’ ma’ Vassallo il-Belt Valletta nhar is-16 ta’ Jannar 1905.  F’din id-diskursata sabu li huma kienu ta’ l-istess idea.  Meta De Piro kien qiegħed iniżżel dan kollu fid-Djarju  hu rrimarka wkoll li waqt li hu u Vassallo kienu mexjin flimkien il-Belt wieħed tallab mar jitlobhom il-karità.  Wara li huma tawh xi ħaga dan it-tallab awguralhom l-għajnuna ta’ San Pawl, tislima li skond De Piro ma kinitx soltu tingħata.  

Għal xi żmien De Piro u Vassallo ma tkellmux aktar fuq il-biċċa tal-Kongregazzjoni tal-qassisin.  Imma billi Patri Ferrara nkoraġġixxa lil De Piro biex jerġa jibda d-diskors ma’ Vassallo, il-Qaddej ta’ Alla, fil-11 ta’ Frar 1905, mar ifittex lil sieħbu, is-Seminarju.  Vassallo talab lil De Piro biex ipoġġi bil-miktub il-pjan tiegħu.  De Piro ttanta jagħmel kif qallu Vassallo  kemm –il darba imma qatt ma rnexxielu.  Fl-aħħar, fis-7 ta’ Awissu 1905, Dun Ġużepp  ippreżenta l-proġett tiegħu bil-miktub.  Hawn De Piro wera li l-ħsieb tiegħu kien dwar soċjetà missjunarja.  

Fil-waqt li kien qed jirrekordja fid-Djarju tiegħu x’ġara bejnu u Vassallo fil-laqgħa li għadna kif semmejna, De Piro jidher li għall-ewwel ma kienx ħass il-bżonn li jelabora fit-tul dwar f’hiex kienet tikkonsisiti “l-idea” tiegħu.  Qal biss li ppreżenta lil Vassallo “l-idea miktuba.”  Imma meta wasal fi tmiem is-sena 1905 jidher li ħass li kellu jispeċifika aktar dwar dak li kien kiteb qabel.  Fil-fatt fejn il-kelma “idea” hu għamel asterisk u fl-aħħar tas-sena 1905 niżżel tmien speċifikazzjonijiet:

1.     “Soċjetà ta’ missjunarji – fil-preżent hu diffiċli ngħid jekk din tkunx regolari jew sekulari, imma jekk bl-għajnuna ta’ Alla u tal-Verġni tasal biex tkun approvata bħala korp regolari, din trid tkun eżattament hekk u trid issib il-mod u l-mezzi kif tgħaqqad magħha l-Kleru Sekulari.

2.     L-iskop prinċipali, kif jindika l-isem tas-Soċjetà, jikkonsisiti fil-Missjonijiet ta’ barra.

3.     Xogħlijiet oħra li jiġu wara jistgħu jkunu: (a) Id-Dar ta’ San Ġużepp, (b) il-kolonji tal-Maltin ta’ barra, u (ċ) fuq il-vapuri.

4.     Nafda s-Soċjetà fil-patroċinju validu ta’ San Pawl li minnu tieħu l-isem.

5.     Għalissa ma jsirux voti jew ġuramenti, imma jeħtieġ inkunu lesti li nwettqu l-volontà divina bl-akbar ġenerożità.  Il-kelma tal-qaddis tagħna jeħtieġ tkun, “Niġi warajk kulfejn tmur.”

6.     Isiru kull sena l-eżerċizzi ta’ Sant’Injazju ta’ Loyola.

7.     Niltaqgħu almenu darba fix-xahar.

8.     Nibdew inwaqqfu kapital b’kontribuzzjonijiet mensili.”

De Piro ħadem bis-sħiħ għat-twaqqif tas-Soċjetà

Wara dan kollu l-Qaddej ta’ Alla ħass li ż-żmien ghat-twaqqif tas-Soċjetà kien wasal.  Beda billi fittex saċerdoti oħrajn u magħhom qasam il-ħsibijiet tiegħu.  Diversi wrewh mill-bidu li ma kinux interessati fil-proġett tiegħu.  Oħrajn għall-ewwel tħajru imma wara ftit ħallewh ukoll.  Donnu li Mons Bonniċi kien qiegħed jingħata raġun: “Il-qassis Malti  hu marbut wisq ma’ pajjiżu.”

Kienu biss tnejn li tawh x'jittama ... u x'jittama biss! Dun Ġorġ Buġeja, ta' San Ġużepp, u d-Djaknu Ġwanni Mamo.  Kellu jkun wieħed barrani, Mons Pietro La Fontaine, li wieżnu bis-sħiħ.

La Fontaine kien ġie Malta bħala Viżitatur Apostoliku.  Fit-2 ta' Novembru 1909 hu mar jara l-Istitut Fra Diegu, il-Ħamrun, fejn De Piro kien id-Direttur.  Dan ta’ l-aħħar ħa l-opportunità u waqqa' d-diskors "... fuq il-faċenda tal-Missjonijiet ta' barra." Mons La Fontaine apprezza bosta l-proġett u ħeġġeġ lil De Piro biex iniżżel bil-miktub il-pjan tiegħu ħalli l-Viżitatur jippreżenta l-kitba lill-Papa.  Fil-fatt De Piro għamel dan waqt li talab lil Buġeja u Mamo biex jiffirmawha.  Talab ukoll lill-Arċisqof Paċe biex jikteb ir-rakkomandazzjoni tiegħu.  Wara dan għadda kollox lil La Fontaine.  

Ftit tal-kuraġġ

 Għall-kuraġġ kultant kien jidher xaqq dawl.  Fil-fatt b’relazzjoni mas-Socjetà s-sena 1910 bdiet ghal De Piro b'barka mill-Papa Piju X, imwassla lill-Qaddej ta' Alla minn La Fontaine f'ittra li dan ta’ l-aħħar kitiblu.  Ovvjament Dun Ġużepp seta’ jibqa’ jippjana b'aktar kuraġġ, tant li f'Ġunju ta’ wara flimkien ma’ Buġeja u Mamo kiteb lill-Arċisqof dwar ix-xewqa li tinfetaħ dar biex il-membri tas-Socjetà jkunu jistgħu jżommuha bħala r-residenza tagħhom.  Interessanti għall-aħħar l-indirizz li bih De Piro laqa’ lill-Arċisqof Pace fit-12 ta’ Ġunju 1910, dak in-nhar tal-ftuħ tad-Dar: "Aħna, illum, inħossu faraġ kbir, u fl-istess ħin kważi nistħu nersqu lejk, Eċċellenza Reverendissima, biex nitolbuk tkerkilna din id-dar, u tiddikjaraha miftuħa.  Din id-Dar Ċkejkna ta' San Pawl sejra sservi biex fiha jgħammru dawk li jkunu membri ta’ Socjetà Reliġjuża li għandha bħala għan li tifforma l-missjunarji …".

Id-Dar, issa miftuħa, laqgħet l-ewwel żewġ membri fit-30 ta’ l-istess xahar, Ġunju 1910: Ġiovanni Vella għal saċerdot u Ġużeppi Caruana għal lay brother.

Mill-ġdid il-problemi 

Il-Barka li bagħatlu fl-1910 il-Papa Piju X u l-ftuħ tad-Dar Ċkejkna ta’ San Pawl fl-Imdina għenu lil De Piro biex jieħu nifs qawwi u jħares ’l quddiem bit-tama.  Imma jekk qabel is-sena 1910 hu kellu jiffaċċja ħafna diffikultajiet l-istess kellu jagħmel wara t-twaqqif tas-Soċjetà.  Anzi aktar!  Dwar dan kitiblu b'mod ċar La Fontaine: "L-aħbar tal-bidu ta’ l-opra missjunarja u tal-barka ta’ Mons Arċisqof lili mlietni b’ferħ tassew.  Alla jkun imbierek wisq iżjed għax inti xebbaħt il-bidu ta’ l-opra mad-dehra tiegħu fid-dinja.  Betlem hi dejjem mimlija bis-seher.  B'din l-umilta' qaddisa, mhux possibli li d-Dar Ċkejkna ta’ San Pawl ma tikbirx.  Nafuha tajjeb.  Jista’ jkun hemm il-ħarba fl-Egittu.  Min jaf?  Forsi jkun hemm anke l-Kalvarju ... "  Fil-fatt hekk żviluppat l-istorja!  U sa mill-bidu tagħha!  

Buġeja u Mamo ddeċidew li jħallu lil De Piro waħdu.  Hu veru li minn dan ħareġ ċar li allura De Piro kellu jiġi meqjus bħala l-Fundatur tas-Soċjetà ta’ San Pawl.  Fl-istess ħin, imma, dan fisser ukoll li hu ma kien baqagħlu lil ħadd li seta’ jgħinu jippjana.  Ġie assolutament waħdu.   

Sa minn qabel il-bidu tas-Socjetà, De Piro kien qiegħed jipprova jesponi ħsibijietu ma’ saċerdoti oħrajn.  Dan kien qed jagħmlu biex huma jtuh l-ideat tagħhom; mhux darba u tnejn li wera li hu kien jemmen f'dan it-tip ta’ djalogu u jqisu bħala mezz għall-għarfien tar-rieda ta’ Alla għalih.  Iżda hu kien jitkellem ma’ saċerdoti oħrajn ukoll biex iħajjarhom jingħaqdu miegħu.  L-istess tentattivi għamel wara l-bidu tas-Socjeta' għall-kisba tal-vokazzjonijiet.  Ċertament Soċjeta' ġdida toħloq suspetti u mhux la kemm tħajjar iż-żgħażagħ għaliha.  Din ġa kienet problema għall-Fundatur.  Imma l-problema kienet tikber għax fl-istess ħin li ftit bdew jingħaqdu miegħu ġara wkoll li xi wħud mill-membri bdew iħalluh wara ftit.  Kien hemm il-każ fejn hu anke beda jimtela bit-tama għax kien ser ikollu l-ewwel saċerdot.  Dan, iżda, wara ftit li qaddes ħallieh.  

Meta ż-żgħażagħ kienu jingħaqdu mas-Soċjeta' dawn kienu jridu x’jieklu, x’jilbsu u fejn joqogħdu.  Kellhom ħtiġijiet oħra tal-ħajja ta’ kuljum.  Diversi mill-familji li minnhom kienu ġejjin dawn il-membri mhux talli ma kinux jistgħu jgħinuhom imma kellhom bżonn l-għajnuna huma.  De Piro xejn ma kien jitfixkel quddiem din id-diffikulta'; hu kien jagħmel tajjeb għall-ħajja tal-membri.  Ma’ dan wieħed igħid ukoll li l-Qaddej ta’ Alla kien igħin lil xi qraba.   

Ma tistax tintesa l-formazzjoni akkademika.  Altru li s-Socjeta' ma kinitx preparata biex tagħti hi nnifisha din l-għajnuna tant meħtieġa għall-formazzjoni tal-membri!  Għal darba oħra dak li fid-dar ta’ ommu ma kien jonqsu xejn ried joqgħod jitkarrab ’l hawn u ’l hinn biex isib min jista’ jgħinu f’dan.   

Għax is-Socjetà kienet waħda reliġjuża, barra l-iskola, kienet meħtieġa l-formazzjoni għal dan l-istat ta’ ħajja.  Il-Fundatur kien kontinwament imħabbat b’bosta responsabbiltajiet mogħtija lilu mill-Arċisqof.  Dawn kienu jokkupawlu ħafna mill-ħin tal-ġurnata u kienu jżommuh ’il bogħod għal ħinijiet twal mill-ulied spiritwali tiegħu.  Apparti dan kollu, hu ma kienx reliġjuż u allura kien diffiċli għalih li jgħinhom fil-formazzjoni reliġjuża tagħhom.  Mill-ġdid De Piro kellu jfittex lil ħaddieħor biex jgħinu.  

L-akbar problema   

Iżda żgur li l-akbar uġigħ ta’ ras kienet kaġunata milli l-iskop ewlieni tas-Soċjeta' jiftiehem u jiġi aċċettat speċjalment mill-awtoritajiet Vatikani.  Sa mill-ewwel abbozz ta’ regolamenti li l-Qaddej ta’ Alla fassal fl-1914 hu wera ċar li l-għan prinċipali tas-Soċjeta' tiegħu kien il-ħidma missjunarja  f’pajjiżi ad gentes.  Dan kompla jurih kull darba li ppreżenta s-Soċjetà.  Iżda hu fatt ukoll li speċjalment kemm dam segretarju tal-Arċisqof, hu mtela bl-entużjażmu biex jgħin lill-"Maltin imbegħda minn art twelidhom".  Fil-fatt meta kien isemmi l-ħidma ad gentes hu kull darba kien iżid magħha l-ħidma fost l-emigranti Maltin.    

Jibda mill-Emigranti Maltin  

“… l-ewwel u qabel kollox għall-Maltin imbegħda minn pajjiżhom

 

Kull darba li kien isemmi l-missjonijiet ta’ barra bħala l-iskop ewlieni tas-Soċjeta’ tiegħu, De Piro kien iżid ukoll xi kliem bħal ngħidu aħna, “… l-ewwel u qabel kollox għall-Maltin imbegħda minn pajjiżhom”.  Il-Qaddej ta’ Alla nnifsu spjega għaliex kien jirreferi għall-Maltin ta’ barra;  kellu l-ħsieb li l-membri tas-Soċjetà jibdew billi jmorru fost ħuthom emigranti u meta jidraw jitbegħdu minn pajjiżna imbagħad jibdew jaslu anke sa pajjiżi ad gentes : it-tieni għan, jew il-ħidma fost il-Maltin emigrati, kellu jitħaddem b’risq l-ewwel skop,  ix-xandir tal-Bxara t-Tajba f’pajjiżi li kienu għadhom mhux evanġelizzati.  

Fehem li kellu jibda pass, pass…  

Ġa għedna li meta fis-17 ta’ Awissu 1905 Dun Ġużepp De Piro mar għand Mons Bonniċi u qallu bil-pjan tiegħu, Bonniċi qallu li l-qassis Malti ma jiċċaqlaqx malajr minn pajjiżu.  De Piro kien jirrispettah ħafna lil Mons Bonniċi u allura jekk Dun Ġużepp kien bniedem li jagħti każ kliem ħaddieħor, dak ta’ Bonniċi ta kasu aktar u aktar.  Fl-istess ħin hu kien determinat li jagħti bidu għas-Soċjetà li tant kien ilu joħlom biha.  Quddiem il-kliem ta’ Bonniċi u d-determinazzjoni tiegħu rigward it-twaqqif tas-Soċjetà, il-Qaddej ta’ Alla fehem li kellu jimxi gradwalment, pass wara pass.  Biex seta’ jasal xi darba jsib żgħażagħ għall-missjoni ad gentes hu kien jeħtieġlu li l-ewwel jibda jibgħat il-membri f’pajjiżi li għalkemm ma kinux Malta imma kien fihom il-Maltin.  Meta l-membri tas-Soċjetà jidraw joħorġu barra minn pajjiżna imbagħad il-Fundatur jibda jħajjarhom imorru f’artijiet ad gentes.

… billi jibda mill-emigranti  

Minn ċerti dokumenti li għandna fl-Arkivji tagħna, hawn Sant’Agata, jidher li kellu jasal id-9 ta’ Settembru 1914 biex il-Fundatur jagħmel l-ewwel kuntatti ma’ xi emigranti jew mal-kappillani tagħhom.  Imma materjal ieħor juri b’mod l-aktar ċar li l-Maltin ta’ barra kienu fil-moħħ u l-qalb ta’ De Piro anke qabel.  Fid-Djarju tiegħu Dun Ġużepp jikteb li fit-2 ta’ Novembru 1909 mar iżur l-Istitut ta’ Fra Diegu, Mons Pietru La Fontaine, Viżitatur Apostoliku.  De Piro, Direttur ta’ dak l-Istitut, ċertament tkellem ma’ dan id-Delegat tal-Papa fuq dak l-Istitut.  Imma skond id-Djarju hu ġab id-diskors ukoll fuq, “… il-faċenda tal-missjonijiet ta’ barra…”.  Mid-Djarju ma nafux x’ingħad aktar.  Li nafu hu li fis-27 ta’ Jannar ta’ wara (1910) La Fontaine bagħat ittra lil De Piro u fiha, wara li qallu li l-Papa kien qed jibgħatlu l-Barka Apostolika tiegħu, qallu wkoll : “Jidhirli li l-opra għandha tiġi maħduma fuq dik ta’ Mons Coccolo għall-emigranti Taljani.  Tkun  ħaġa tajba jekk inti tiftiehem ma’ Patri Vella sj li, minħabba li ilu żmien twil fost il-Maltin tal-Greċja, jista’ jagħtik pariri siewja”.  Dun Ġużepp irrisponda lil La Fontaine kważi xahar wara, fil-21 ta’ Frar.  F’din l-ittra De Piro fl-ebda mument u bl-ebda mod ma kkoreġa lill-Viżitatur Apostoliku dwar il-ħidma tas-Soċjetà futura.  La Fontaine reġa kiteb lill-Qaddej ta’ Alla fit-30 ta’ Gunju 1910.   F’din l-ittra ħeġġu biex jimxi ’l quddiem bil-kuraġġ.  Igħidlu wkoll li, “Il-Maltin twajbin u li jinsabu ’l bogħod minn arthom għad ikollhom għajnuna kbira minnkom”.  La Fontaine rega’ kiteb lil De Piro fid-9 ta’ Gunju 1911.  Din ma kinitx għajr kopja t’ittra li l-Vizitatur bagħat lil ċertu Mons Bressan ħalli dan ta’ l-aħħar jirranġa biex tintbagħat il-Barka tal-Papa lil De Piro u lis-Socjetà tiegħu.  Hawnhekk La Fontaine jirreferi għas-Soċjetà bħala dik magħmula minn, “… saċerdoti u katekisti, u li għandha l-iskop li tkun dedikata għall-kultura speċjali tal-kolonji kbar tal-Maltin f’Korfù u Tripli”.       

Fl-istess snin imsemmija fuq, De Piro ħabrek biex jibda, s-Socjetà tiegħu.  Meta beda jfittex il-vokazzjonijiet il-Qaddej ta’ Alla ma sabx għajr lil Dun Ġorġ Buġeja u d-Djaknu Ġwanni Mamo.  Fil-15 ta’ Novembru 1909 De Piro u dawn it-tnejn kitbu ittra lill-Papa u bagħtuhielu permezz ta’ La Fontaine.  Fiha tkellmu minn soċjetà reliġjuża li l-iskop tagħha kien, “… il-formazzjoni tal-missjunarji, l-ewwel u qabel kollox għall-kolonji tal-Maltin ta’ barra”.  Fis-6 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara (1910) dawn it-tlieta saħansitra talbu lill-Arcisqof ta’ Malta, Mons Pietru Paċe, il-permess biex jistgħu jiftħu, “… dar li setgħet isservi ta’ residenza għall-membri ta’ soċjetà reliġjuża li l-iskop tagħha hu l-formazzjoni ta’ missjunarji, partikularment u l-ewwel u qabel kollox għall-kolonji tal-Maltin ta’ barra”.  Sitt ijiem wara, fid-diskors tal-ftuħ tad-dar, De Piro jirrepeti l-istess għan lill-Arċisqof u lil dawk preżenti : “Inħossuna minn banda kkunslati u mill-banda l-oħra konfużi waqt li qegħdin nindirizzawk u nitolbuk tbierek u tiddikjara miftuħa din ‘id-Dar Ċkejkna ta’ San Pawl’ li għandha sservi bħala residenza għall-membri ta’ Soċjetà Reliġjuża li l-iskop tagħha hu li tifforma Missjunarji, partikolarment u l-ewwel u qabel kollox għall-kolonji tal-Maltin ta’ barra”.  Meta fit-30 ta’ Ġunju 1914, De Piro talab il-permess biex il-membri jibdew jilbsu s-suttana tas-Soċjetà, huwa bagħat kopja ta’ l-ewwel regoli ta’ l-Istitut tiegħu.  In-numru 2 ta’ dawn ir-regolamenti kien jittratta l-iskop.  Anke hawn il-Fundatur reġa kien għal darba oħra ċar dwar l-għan tal-Kongregazzjoni tiegħu : “L-iskop tal-Kumpanija Ċkejkna għandu jkun li jgħin dawk il-popli neqsin minn ħaddiema evanġeliċi, partikolarment u l-ewwel u qabel kollox għall-Maltin imbegħda minn pajjiżhom…”.  

Din ix-xewqa li jgħin lill-Maltin ta’ barra aktarx li kienet teżisti f’De Piro minħabba li fil-bidu tas-seklu għoxrin hu kien qed jara diversi Maltin iħallu pajjiżna u jfittxu għalihom u għall-familji tagħhom qagħda aħjar f’pajjiżi oħrajn.  Imbagħad xi ittra li kien jirċievi, kienet tkompli tixgħel il-ħeġġa tiegħu biex iwieżen lil ħutna li kienu jgħixu ’l bogħod minn artna.  Ċertu J. Fenech kitiblu fid-9 ta’ Settembru 1914, minn San Francisco, fl-Amerika, u wara li ndirizzah bħala, “… l-benefattur mhux tal-Maltin ta’ Malta biss imma tal-Maltin ukoll kollha li hawn imxerrdin mad-dinja”, radd ħajr lill-Qaddej ta’ Alla għal dak kollu li kien għamel biex il-Maltin ta’ California setgħu jkollhom saċerdot.  

F’Marzu 1915 Dun Guzepp De Piro ġie magħżul segretarju ta’ l-Arċisqof Mawru Caruana.  Dam iwettaq dan is-servizz sa l-1918.  Fdin il-ħidma l-Qaddej ta Alla kellu jittratta ħafna korrispondenza, fost l-oħrajn dik li kienet tintbagħat minn xi emigranti jew minn xi qassisin li kienu jwettqu l-ministeru saċerdotali fosthom.  Dawn il-kitbiet m’ għamlux għajr komplew jallarmaw lill-Qaddej ta Alla dwar il-qagħda ħażina li fiha kienu jinsabu diversi emigranti Maltin.  Fost l-oħrajn kitiblu ċertu Fr William Bonett minn Sydney, fl-Awstralja, u tkarrab miegħu biex jitkellem ma xi qassisin, speċjalment man-novelli, u jħajjarhom imorru l-Awstralja.  Il-Fundatur irrispondieh fis-17 ta Novembru 1916.  Fost l-oħrajn qallu hekk : “Fil-quddiesa tiegħek tinsiex tiftakar fdan l-Istitut tagħna li qiegħed jitwieled: l-Istitut li twaqqaf għall-Missjonijiet ta Barra.  Għad jasal iż-żmien li l-Mulej idewwaqna ftit frott li jkun l-effett ta tant ħidma u sagrifiċċji li qegħdin nagħmlu…  Għad jasal iż-żmien li mmiddu riġlejna anke fl-Awstralja.  Imma emminni wkoll li bħalissa, għalkemm l-opra hi ċkejkna, ix-xogħol hu iebes, u jeħtieġ li nitħarreġ ħafna fil-paċenzja.  Għalhekk għinna bit-talb tiegħek, u, forsi, għad ġurnata tara jissieħeb miegħek xi missjunarju ċkejken mis-Soċjeta’ Ċkejkna ta’ San Pawl”.

Interessanti li fl-istess ittra ta’ De Piro lil Bonett, il-Fundatur donnu jikkonferma dak li kien qallu Mons Bonnici ħdax-il sena qabel dwar is-saċerdot Malti.  Il-Qaddej ta’ Alla jiktiblu hekk lil dan is-saċerdot fl-Awstralja : “Int li’l Malta tafha daqsna, taf tajjeb li l-ispirtu missjunarju hu limitat wisq fostna”.  

Fis-sena 1922 il-Qaddej ta’ Alla wera li l-imħabba tiegħu lejn l-emigranti Maltin ma kinitx tissarraf biss fil-korrispondenza li kellu ma’ l-emigranti nnifishom jew mal-kappillani tagħhom.  Lanqas ma kienet tieqaf imħabbtu għalihom fit-tħabrik tiegħu biex isib xi saċerdot li jmur fosthom.  F’dik is-sena hu nnifsu mar ma’ oħrajn f’Tunes u hemmhekk għadda ftit tal-ġranet jaqdi lill-Maltin bil-pastorali li kienu jeħtieġu.

Mur ghall-Kapitlu li jmiss    

Mur lura ghall-Bijografija    

 
   

 
Website designed & maintained by MSSP| Disclaimer | Copyright | Privacy Policy | Sitemap |
© 2006 Missionary Society of Saint Paul, MSSP